Fis-seklu 12 wara l-miġja tal-Konti Ruġġieru f’Malta fl-1091, fil-ponta fejn illum hemm il-Birgu, kien hemm kastell biex iħares il-port. Belt importanti kienet ġa qed tikber wara dan il-kastell.
Fl-1239 dan il-kastell kien ġa qed jissemma f’ittra tar-Re Federiku II li kien bagħat lill-kastellan li kien jieħu ħsieb dan il-kastell. Sa l-1400 dan il-kastell kien tkabbar u kien jissejjaħ Castello a Mare (jew Castellimar). Il-Belt li kibret għall-kenn ta’ dan il-kastell ħadet l-isem ta’ BORGO (jew Birgu). Sa l-1500 il-Birgu kien ġa jgħodd ma’ l-1200 ruħ, kważi daqs l-Imdina. Il-Birgu kien sar iċ-ċentru tal-kummerċ bejn Malta , Sqallija u gżejjer oħra fil-Mediterran. Kien għalhekk li fil-Birgu mis-seklu 15 ’l hawn marru jgħixu ħafna negozjanti, baħħara, kursara u ħaddiema li kellhom xi sengħa marbuta mal-baħar.
Ma nafux eżatt meta l-Birgu sar parroċċa indipendenti mill-Imdina. It-tradizzjoni tgħidilna li fl-1091 in-Normanni waqqfu l-parroċċa ta’ San Lawrenz. Pero` sal-lum m’ għandna l-ebda dokument biex isostni lil din l-idea. Nafu ċert li fl-1436 jew xi ftit qabel, il-Birgu kien sar parroċċa indipendenti mill-Imdina.
Meta l-Kavallieri ġew Malta fl-1530, huma għamlu l-Birgu bħala l-belt kapitali tagħhom. Allura l-importanza tal-Birgu bħala belt marittima kibret qatigħ. Il-Kavallieri kienu qawwa marittima (tal-baħar) allura riedu belt u fortizza qrib il-port minflok l-Imdina. Il-Kavallieri saħħew il-Birgu billi dawruh bis-swar, kabbru l-Kastellimar u semmewh il-Forti Sant Anġlu, bnew bini ġdid għall-użu tagħhom. Huma bnew seba’ bereġ (auberges), sptar u maħżen. Fl-1538 taw bidu għat-tarzna peress li kellhom bżonn post fejn isewwu x-xwieni tagħhom. Il-Knisja ta’ San Lawrenz saret il-Knisja Konventwali (il-Knisja ta’ l-Ordni). Il-Kavallieri bdew jużawha għall-funzjonijiet solenni ta’ l-Ordni. Il-Granmastru għamel il-palazz tiegħu fil-Kastell, Sant Anġlu fid-dar li qabel kien joqgħod fiha l-Kastellan.
Il-Knisja ta’ San Lawrenz: mibnija fuq stil barokk fl-1681 mill-arkitett Lorenzo Gafa`. Inbniet minflok il-knisja Konventwali tal-Kavallieri.
Is-Swar: wara l-ħerba ta’ l-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 ġew irranġati fuq stil Barokk.
Couvre de Port - il-Bieb tal-Birgu min-naħa ta’ l-art; bieb iffortifikat lest biex jilqa’ l-attakki mill-art; illum hemm il-Kunsill Lokali u bosta attrezzaturi għat-turisti; il-Kunsill irranġa l-ġnien tal-foss kif ukoll fetaħ xi xelters ta’ żmien it-Tieni Gwerra għall-pubbliku.
Forti Sant Anġlu: (stil barokk) – fuq ix-xellug tidher id-daħla għall-forti Sant Anglu; fuq il-lemin is-swar; inbena kważi kollu mill-ġdid wara l-Assedju l-Kbir.
L-oratorju tal-knisja: ezatt ma genb il-knisja ta` San lawrenz; mibni fuq stil barokk – fih bosta tezori ta` l-arti li l-kavallieri hallew lill-knisja ta` San lawrenz
Il-Qorti ta’ l-Inkwiżitur: (stil rinaxximentali) – kien użat mill-Inkwiżitur bħala qorti u palazz għalih bejn l-1575-1798. Illum użat bħala Mużew tal-Folklor.
Il-Mużew Marittimu: mibni fuq stil Neo-Klassiku; kien il-Kwartier Ġenerali ta’ l-Ammiraljat Ingliż.
Melanie Vella
Yr 5 Roses,
Primary B Birzebbugia
Kulleġġ San Benedittu